#8 Tlietat – Jean-Paul Borg

Dan l-aħħar qisni m’għadnix naf inħoss. Qabel kont nara ħdax-il raġel jiġru wara ballun, u kont inħoss kull daqqa u kull xutt. Illum m’għadnix, u ma nifhimx x’kont inħoss qabel. Illum irrid nagħmel jien. Bil-limiti kollha tiegħi. Ma nifhimx li xi ħadd iħossu mdejjaq għax ċelebrità ddivorzja u m’għadux magħha. Lanqas jekk marad jew mardet. Hux sinjal tajjeb jew ħażin ma nafx. Irrid interraq it-toroq fuq saqajja u nħoss il-qalb tiegħi kollha kemm hi tħabbat. Hemmhekk ninduna li għad għandi qalb li għadha kapaċi tippompja d-demm.

It-Tlietat inħobbhom. Nitlaq l-uffiċju fl-erbgħa u għandi appuntament ma’ klassi ta’ immigranti biex ngħallimhom il-Malti. Skoprejt li kapaċi noqgħod bil-wieqfa quddiem klassi u ngħaddi erba´ kelmiet jew frażijiet. U skoprejt f’dawn is-sentejn ta’ Tlietat li hawn min sempliċiment telaq pajjiżu, qasam deżert, aktar iva milli le nżamm taħt arrest il-Libja, qala´ x’aktarx daqqtejn u wara qabad dgħajsa u spiċċa fuq l-istess blata li kumbinazzjoni jien ngħix fuqha wkoll.

L-immigranti llum għandhom wiċċ quddiem għajnejja, u m’għadhomx frażi.

It-Tlieta, 9 ta’ Lulju kienet differenti. Kont naf li waslu xi dgħajjes. Kont naf li kien hemm isteriżmu mhux tas-soltu. Das-sajf qisu għadu ma ħaddimx it-termometru sew, imma kien hawn min qed ipatti għalih. Dat-Tlieta, konna se nqassmu ċertifikati ta’ attendenza lill-klassi tiegħi. Bħalna l-Maltin, jattendu kors u jieħdu gost jieħdu ċertifikat. Ċemplitli ħabiba tiegħi li torganizza. Ħsibtha se tgħidli xi ħaġa fuq il-kaxxa tar-ritratti. Minflok qaltli li x’aktarx mhix ġejja.

“Għandna emerġenza”.

Qalbi għamlet tikk.

Il-burdata nbidlet. L-arloġġ imma baqa’ jdur, l-erbgħa daqqew u tlaqt mill-uffiċċju. Qalti tgħidilhom xejn ħa ma jinkwetawx. Imma l-ewwel wieħed li kien hemm, student mill-Ghana li ilu Malta xi ħames snin, kien ovvjament sema’. Qalli “it’s not fair”. Stħajt minnu. Kont għadni m’għallimtux il-frażi “din mhux ġustizzja”. Ħassejtni fallejtu. Għax jekk irid ikun jaf sew lingwa, ġustizzja għandha tkun waħda mill-ewwel kelmiet li jitgħallem. Jekk soċjetà mhi xejn mingħajr ġustizzja, l-istess il-lingwa tagħha.

Il-klassi mtliet. Min kien jaf, min ma kienx jaf x’kien għaddej. Jien bħas-soltu kont bil-wieqfa quddiemhom nipprova nwassal dak li ppreparajt il-ġurnata ta’ qabel.

Il-mobajl dejjem ngħidilhom biex jitfuh. Din id-darba imma tiegħi żammejtu mixgħul u f’xi s-sebgħa neqsin għoxrin daqq biex ifakkarni li xi ħadd ftakar fija u bagħatli messaġġ. Imma fil-fatt kien messaġġ impersonali. Imma mhux minn dawk biex jgħiduli kemm saret tiswa telefonata.

Kien mit-Times. Il-ECHR imblokkat id-deċiżjoni tal-gvern li jaħbat imexxi fuq il-blata li jien ngħix fuqha li jibgħat lura lejn il-Libja dawk li filgħodu waslu fix-xtut Maltin. Din id-darba kelli naqsam il-messaġġ magħhom. It-tbissim kien universali.

Ħassejt dehxa. Ikkonfermajt li għandi xi ħaġa fuq ix-xellug ta’ sidri li taħdem.

U fl-aħħar ħassejtni tajjeb.

inedita


mpr1p28

kelli noħorġu
quddiemu b’ħarsa mqita
passaport aħmar


(ħajku ppubblikat għall-ewwel darba bil-Franċiż,
trad. Antoine Cassar & Elizabeth Grech,
fil-ħarġa nru 1 tal-gazzetta
Le monde n’est pas rond
)


Advertisements

2 thoughts on “#8 Tlietat – Jean-Paul Borg

  1. Pingback: Mhux f’isimna / Not in our name | LE MONDE N'EST PAS ROND

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s