#35 Move back – Jacques René Zammit

Dedikata lit-tlett mitt ruħ li tilfu ħajjithom qrib Lampedusa, fejn il-Gżira tal-Fniek.

“Move back”, serra snienu
idejh imdawra ggranfati mal-istering.

Ħsibijietu,

bejn it-traffiku infern quddiemu
taħt sema jnixxi ilmijiet
li lanqas Noè ma qatt ra bħalhom,
id-dlam li jagħma kesa l-ajru
u t-tpaqpiq inċessanti tat-traffiku
mat-tpeċliq reddieni tal-passiġġiera
dieħel itambar ġewwa rasu

Għajnejh,

jilmħu fil-mera mżejna rużarji
wiċċ ix-xjaten suwed emissarji
mibgħuta jitturufnawh fil-wied ta’ rwieħ mitlufa
u ma jiflaħx iktar

“Move back, ħaqqalla” (għax id-dagħa huwa obbligu)
“Or go back to your country”

“It’s time to wake up and smell the coffee”
Bir-road map quddiemu jiddandan daqs pagun

Ħsibijietu,

mgħarrqa taħt wegħdiet u illużjoni
imbandla f’baħar ċekkijiet li qatt mhu se jissarrfu
miżgħuda bil-piż ta’ responsabilità li qatt ma basar
mejtin għal kapru espijatorju
għal Ażażel baħri tal-bnazzi

Ħalqu,

jitgħawweġ u jitkemmex fit-truf
bejn tbissima għax ġietu tajba
u oħra qarsa tal-verità mhix magħrufa
għax jafha hu biss
filwaqt li jbella’ t-togħma tar-rebħa
għax bi kliemu jġib l-ilma jiżfen

“Push back” intranżiġenti
però tinkwetawx… nieħdu ħsieb nisa u tfal

“Waan ku jecelahay” qaltlu bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejha
… ”jiena nħobbok”

Ħsibijietha,

marru f’art twelidhom,
fl-infern li ħallew warajhom
fit-tama ta’ bidu ġdid,
marru fl-ewwel darba li ratu
dik it-tbissima dawl f’deżert ta’ diqa
dik il-ħarsa torri f’nofs armata ħażen u biża’,
marru f’jum żwieġhom
f’jum twelid binhom
fi vjaġġi tul deżerti u fost kriminali

Għajnejha,

lemħu ġisem żewġha,
l-aħħar qtar ta’ ħajtu jnixxi minn ġo fih
bħal donnu mgħaġġla jeħilsu minn saħtet l-art,
lemħu t-tarbija tolfoq dmugħ
u raw lil Karonti jgħajjat xi ordni
(li widnejha la semgħu u lanqas kienu jifhmu)

U lemħu dawl blu jpetpet
raw l-anġlu joħroġ idu u jerfa’ lilha u lil binha
raw il-kutra tgħattiha

u reħiet għal mument id-destin tagħha f’idejn ħaddieħor

“Waan ku jecelaway” qaltlu bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejha
… inħobbok.



#34 Eleġija – Monique Agius

Għal dawk kollha li tilfu ħajjithom fil-Mediterran u li l-ħolm tagħhom spiċċa b’mewta kiefra waqt il-vjaġġ lejn ħajja aħjar.

209-La_Llorona_with_children

Il-baħar ħmar, b’demmek
ħrabtli minn idi
jien u nżommok
nipprova nġibek qribi.

Dik l-għajta silenzjuża
f’għajnejk
kulur il-ħamrija

Il-mewġ ġabu ‘l ġewwa
tifkirietek
ma baqa’ xejn
ħlief katavri
ma baqa’ xejn
ħlief numri
ma baqa’ xejn
ħlief xi baħnan

li kultant jikteb,
mingħalih li jaf.

Nimmaġinak tgħid
‘Xtaqt naf ngħum…’
imma dil-bajja li llum
ma lħaqtx
nispera li mistrieħek issib

filwaqt li żiffa ħelwa
mill-baħar għal ma’ xagħar qrabatek
tiżfen bil-mod,
tnixxef id-dmugħ, twennishom
u tgħinhom iżommu sod.

ippubblikata għall-ewwel darba fuq il-blogg Ethereal Nymph

#33 Immigrant mod ieħor – Mark Vella

mvellaEmigrajt għaxar snin ilu lejn pajjiż li, min jaf, b’xorti tajba, ma kellix bżonn nitgħallem ilsienu. Fis-sens, laqagħni wkoll b’dan il-vantaġġ. Bil-Franċiż kont ġa nġaħġaħha, u biż-żmien tgħallimt ftit iktar biex ninqeda. Imma f’dal-pajjiż li kiber bl-immigrazzjoni, li nofs il-poplu biss tista’ tgħid li huwa indiġenu, Lussemburgiż pur (imma l-purezza qajla tiddefiniha kif ġieb u laħaq), jirnexxieli wkoll mod ieħor, bħal meta neħel biex nispjega li għandi problema fil-brejkijiet jew fil-wajpers, jew inkella ma nkunx naf il-kelma għal pitrava jew għal tnalja. Nara nilmaħx xi tikketta bl-isem fuq il-pavru ta’ min qed jaqdini, jew inkella t-tabella fuq il-ħanut, u jekk kunjomu Pianaro, ninqeda bit-Taljan, u jekk hu Gomes, Almeida, Coelho, ngħawweġ daqsxejn ilsna Latini u minn hemm u minn hawn niftiehmu. Il-Lussemburgiż, dil-lingwa ppastardjata daqs tagħna, nirrispettah u nixtieq kieku nsib siegħa ‘l hawn u ‘l hinn nitgħallmu, imma qatt ma sibt ruħi mċappas b’tali mod li ma nista’ niftiehem b’xejn.

Bħala promotur tal-Malti għal żmien twil, qalbi taħraqni dejjem biex il-Malti nużawh aktar u aħjar, u bl-usa’ mod possibbli. Għalkemm anki dik l-attitudni nimmaġina rfinajtha sew tul is-snin, għaliex minkejja li xorta nemmen li hija x’aktarx l-unika tarka verament unika u tanġibbli ta’ xi identità partikolari tiegħi, tgħallimt ukoll li hemm attitudnijiet assoċjati magħha li jafu jkunu limitanti ferm. Kultant, forsi anki joħorġu dak il-faxxist ċkejken li jbejjet f’qalb kull wieħed minna. Nagħtu każ, għal xi żmien kont niddarras nidħol nixtri f’ħanut jew inkella npoġġi għal kafè u nsaqsi bil-Malti u jweġbuni li barranin u mhux qed jifhmuni. Xi ħadd ieħor jaf jitnaffar iżjed u jeżiġi li la ġew fostna, misshom jitgħallmu l-Malti. U terġa’, hemm ukoll tnaffir mod ieħor meta xi ħadd Malti, l-aktar fl-industrija ta’ ċerti servizzi jew fil-barijiet u r-restoranti, ikellmek bl-Ingliż għaliex mingħalih li aħjar hekk f’dawk il-kuntesti.  Jiġiferi, din l-insistenza fuq l-identità ssir xafra taqta’ minn kull naħa possibbli, u qajla tibda ssib irkaptu tagħha.

U mbagħad jibda jiġini f’moħħi kemm hi ħaġa sabiħa, mhemmx kelma oħra, li immigrant jintlaqa’ jew iħossu milqugħ, anki minn dan il-vantaġġ, li jaf jidher ovvju jew banali, imma li tgħallimt inbierku. Fil-fosdqa tal-multikulturaliżmu Lussemburgiż, taf tinsieh. U, fil-fatt, meta tul dawn l-aħħar sentejn, iddeffist fid-dinja tal-futbol Belġjan, bdejt inħossni bħall-immigrant minn qiegħ min jaf fejn li jkollu jibda ħajja ġdida xi mkien bil-kontra ta’ kull ma hu. Jien naf, Eritrean ripatrijat ir-Repubblika Ċeka, biex nagħti eżempju estrem.

Kelli ħolma. Bħal ma jkollu l-immigrant li jaħrab lejn destin mhux magħruf sabiex itejjeb ħajtu. Ħolmti kienet iktar sempliċi, imma xorta bl-insidji tagħha: ridt nitgħallem inkun kowċ tal-futbol, u allura għamilt żewġ korsijiet uffiċjali mal-Federazzjoni Belġjana. Għax, jew issa jew qatt, billi m’inix biħsiebni nerġa’ lura Malta daqt. Trid issegwiha l-ħolma, mela x’tagħmel, tibqa’ mwaħħal fil-limbu għax mhux kollox qed jiġik pinna kif suppost u tixtiequ? Allura mort, bil-Franċiż limitat tiegħi, għoxrin minuta ‘l bogħod mid-dar bil-karozza, u anki għax il-Lussemburgu ma stajtx nagħmlu. Għala, għax iktar bil-Ġermaniż u l-Lussemburgiż milli bil-Franċiż. Hawn irridek, qalli. Għamilt l-eżamijiet bil-miktub, il-prattiku ma’ ġgajtiet ta’ tfal, il-lezzjonijiet ma’ nies li bilkemm jafu fejn hi Malta, iżda li bosta minnhom ukoll Belġjani wild l-immigrant, kull nhar ta’ Tnejn Babel ta’ aċċenti u esperjenzi.

U fl-aħħar sirt kowċ, il-Belġju dejjem, qalb tfal li ma jifhmux l-aċċent tiegħi minkejja l-grammatika dotta u preċiża, li ma nifhimx l-idjoma jew id-djalett tagħhom jekk jiċċajtaw, li jkolli ntihom ordnijiet ċari biżżejjed biex infehimhom xi rrid minnhom. Li noqgħod lura milli nkellem lill-adulti l-oħra – il-ġenituri, in-nies tal-klabb – għax konxju mit-tant limiti tiegħi, minkejja s-sigħat tedjanti li għaddejt nitgħallem il-plusqueparfait u niddiskuti l-mondialisation u l-commerce équitable.

U ħassejtni, għall-ewwel darba, emigrant ta’ veru, daqslikieku ġejt bid-dgħajsa u ħadd ma jifhmini tant li nispiċċa fil-getto tiegħi nnifsi, nagħmel il-minimu biex ma nnaffarx u ma niġix imnaffar, imma xorta mejjet biex inrabbi ġwienaħ akbar u nkompli ntir lil hinn f’did-dinja ġdida li għażilt li nabita.

U allura ftakart fil-wejter li ġie jaqdini m’ilux Tas-Sliema u ma fehemnix ngħid mgħaġġel, bħal kull min jitkellem l-ilsien nattiv tiegħu, li rrid espresso doppju u tnejn piżelli. Darb’oħra kemm ngħidlu merħba fostna, jien bħalek, inti bħali, aħna immigranti lkoll.

#32 Pushback Airlines

pushbackairlineslogoVjaġġ li ma tinsieh qatt, għal €1,500! Fuq dgħajsa tas-sajjieda, ma’ mijiet ta’ vjaġġaturi oħra, lejn destinazzjoni mhux magħrufa, u mingħajr bżonn ta’ dokumenti. Ħallik mill-ilma, mill-ikel, mill-assistenza medika. Avventura ta’ veru, u jekk ix-xorti titbissimlek, għandek iċ-ċans li jgħajruk terrorist, u li jippuntawlek xkubetta ma’ rasek. Ejja ħa tkun tikka fuq ix-xefaq! Oġġett ta’ isteriżmu! Għalf tal-ħut tal-qiegħ! It-tfal ġibhom miegħek! U jekk tasal, jibagħtulek id-dar b’xejn, jekk għandek waħda. Jekk m’għandekx, tinkwetax; hemm ajruport militari l-Libja qed jistenniek b’dirgħajh miftuħa beraħ.

This slideshow requires JavaScript.

Pushback Airlines hija linja tal-ajru fittizja, imwaqqfa minn erbat iħbieb. Teatru tat-triq, kreattiv u impenjat. Nhar is-Sibt 17 t’Awwissu, Pushback Airlines tellgħu stand il-Belt u bdew iqassmu l-flyers. Id-dinjità umana, inkluż ta’ min jaħrab mill-inkwiet ta’ pajjiżu? L-Artikoli 13 u 14 tad-Dikjarazzjoni Universali tal-Jeddijiet tal-Bniedem? X’jaħbat? X’nambuhom? Mela ma tafx li l-gżira ta’ San Pawl hija art l-ospitalità?

Apparti r-riklamar satiriku, Pushback Airlines wettqu żewġ sondaġġi. Fl-ewwel wieħed, il-pubbliku ntalab jagħżel l-odd one out minn fost il-kontinenti tal-Ewropa, l-Ażja, iż-żewġ Amerki, l-Afrika u l-Awstralja. Fit-tieni sondaġġ, il-pubbliku ġie mistoqsi: “‘Il min kieku tilqa’ f’pajjiżek, minn dawn li ġejjin? Ewropej, Ażjatiċi, Nordamerikani, Sudamerikani, Afrikani, Awstraljani“. Hawn isfel jidhru r-riżultati.

Choose the odd one out_Survey Result

Who would you welcome into your countrey_Survey Result

Ara wkoll l-artikli tal-MaltaToday u inewsmalta.com.

 

 

#30 Salamís Island – Antoine Cassar

attica_map

Il-gżira Griega ta’ Salamís, jew Σαλαμίνα, fil-Golf Saroniku, 2 km ‘il bogħod mill-port ta’ Piraeus, 16 km fil-punent ta’ Ateni. 96 km2 (ikbar minn Għawdex, iżda inqas minn nofs id-daqs ta’ Malta), popolazzjoni 39,283 (fl-2011).

Aktar tagħrif hawnhekk. Ikklikkja fuq il-mapep u l-istampi biex tkabbarhom f’tieqa ġdida.


mt-salamis-2


SALAMÍS

ecv01Bħal għabra titfarfar minn
mas-seba’ l-werrej tal-Greċja,
il-gżejra ta’ Salamís,
Salamína, Koullouri:
xagħat imxewwek,
jistenna l-ewwel ħjiel tal-ġwinħajn;
brama tobrox ma’ ponn,
mingħajr ma tniggeż;
dragun tal-ilma
jinġarr mal-kurrenti
bin-nirien imsakkra ġol-ħawsla.

600px-achilles_ajax_dice_louvre_mnb911_n2Hawnhekk fejn twieled
Ajax il-gwerrier,
jehda bil-logħba
tal-għadam tal-għekiesi
ma’ kuġinuh Akille,
sakemm infixel fil-kliem t’Odissew
u waqa’ għal fuq ix-xabla minn rajh.
Hawnhekk fejn twieled
Ewripide, skrivan tat-traġedji,
dakinhar stess
tal-battalja kontra l-barbari,
fejn Temistokli keċċa lil Xerxes
biex snin wara
hu wkoll safa
daqstant ieħor itturufnat.

Salamís. Min jgħid li msemmija
għas-salmura li tgħum fiha;
min jgħid li għan-ninfa
miġjuba minn Posejdon,
dak li jheżżeż il-kontinenti u l-gżejjer;
min jgħid li sempliċement
għax-shalam tal-Feniċji.

salamisbutterflySalamís. Għaliha msemmi
ġens ta’ friefet Afrikani,
żgħar riġlejhom ta’ quddiem,
ġwinħajhom ġganteski,
kultant ikkuluriti, kultant
qishom weraq nixfin.
Għaliha msemmija
l-ewwel tavla tal-għadd,
ta’ qabel l-abakus,
li fuqha Arkimede
jittanta jikkalkula
kemm-il farka ramel
jesa’ l-univers.

dreadnoughtIsimha misluf ukoll
lil dreadnought Ġermaniż
għal kontra l-Ottomani
li qatt ma wasal,
u lil tanker itajjar
il-bandiera tal-Liberja,
bejn Malta u l-Libja,
li wasal u ma wasalx.

M/V Salamis, idur fuqu
nnifsu, idur mal-arloġġ,
bħall-ilma maħmuġ tal-banju
jinbaram ġol-katusa
fin-nofsinhar taċ-ċiviltajiet.

1-salamis-sMin-nofsinhar, ninfa rroftata,
xuxitha ttir fir-riħ,
fuq sidirha plural
elf swaba’, jgħoddu waħda
wara l-oħra l-mewġiet.
Minn erba’ naħat
swaba’ oħra jippuntaw lejha,
għaddi ‘l hemm, ieqaf hemm,
ibqa’ fejn int, għaddi ‘l hawn -,

minkejja żaqqha żejtnija
ma jixtieqha ħadd u ħadd.

2-salamis-eMil-lvant, bastiment wieqaf,
mhux ‘il bogħod wisq mill-port
u lanqas wisq fil-qrib.
Fuq il-poppa,
mara xxejjer idha maqsuma
lejn il-ħelikopter jgħasses il-fruntiera,
fruntiera titlaħlaħ ma’ kull mewġa,
fruntiera minn ħin għall-ieħor
tintraxx fuq il-prim
tad-dgħajjes militari ċkejknin.

3-salamis-nMit-tramuntana,
ministru lsienu barra,
bil-ferkun f’idu,
lest li jimbotta lura
kull ċafċifa ta’ tama.
Mill-punent,
ras ta’ bodbod elettrifikat,
b’kalamita mdendla minn għonqu,
tiġbed, tbiegħed,
tbiegħed, tiġbed.

4-salamis-wMinn fuq il-quċċata ta’ Mavrovouni
xefaq ġdid ifiġġ.
Jittella’ l-ħabel tal-ankra –
arah jitbandal
bħad-denb ta’ kelb ferħan.
Fir-raħal ta’ Peristeria, Ewripide,
bla tbissima, jidħol lura ġol-għar;
fuq il-qoffa tal-arblu
jinżel jistrieħ
il-ħamiem l-abjad.

Bla sajjetti jew sriep
għaddiet il-battalja,
mingħajr rebbieħa,
ħlief forsi l-barbari ċivilizzati,
kuntenti fl-aħħar
li ż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma
tlett iljieli tard.

asylum-seekers-afm-rescue-july-2013-18

(Ritratti: Wikipedia / MediaToday)

#29 Prometju l-Ħali – Alex Vella Gera

PIC_0216… u ma flaħtx iktar
interraq madwar
is-soltu nar
li ħsibt
li ksibt
fil-linji rqaq
tat-toroq u s-sqaq barranin –

u xufftejn ma’ widnejn
gerrmu kelmtejn:
“Dak hu dak it-tali,
dak hu Prometju l-Ħali,
dak hu dak
li ġie lura
inaqqar il-frak
u jaħbi l-ħmura
mit-tbenġil
tad-daqqiet tas-skiet”.

… u xi ħsibt
li se ssib
met’erġajt qrib
il-qraba u tfulitek?

L-għadam ta’ ħajtek?
Leħen missierek
isaħħanlek widintek?

“Kantuniera
minn fejn tidher farka baħar,
sa biex ninsa,
sa biex niftakar …”

u xufftejn ma’ widnejn
igerrmu kelmtejn:
“Dak hu dak it-tali,
dak hu Prometju l-Ħali,
dak hu dak
li jomgħod il-frak
li waqgħu mill-bniedem li kien”.

ippubblikata għall-ewwel darba fl-antoloġija Ħbula Stirati (2007)
ritratt: dettall minn skultura fl-istazzjon ta’ Krakovja, il-Polonja

#28 Miles Apart – Monique Agius

Konna tant viċin
Ma tanto lontani
‘Entrez, Entrez!’
Elles ont crié.
‘Qiegħda tard,
Ma nistax.’
I left you behind the bars
B’raġġ ta’ tama
Keep positive!
Vi volevo dire
Imma kull ma rnexxieli ngħid
‘Bye, bye…’ (so dry!)
Id-dmugħ iġelben mal-ħuġbejn,
Ir-riħ li nefaħ il-velu,
U tlaqna minn fejn ġejna
Bla suldati
Wisq inqas inkatenati.

poeżija miktuba fl-2010,
wara żjara fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi

#27 Xi tfisser li tkun refuġjat? – Karl Schembri

F’dan il-filmat qasir, staqsejt għaxar refuġjati Sirjani mistoqsija waħda: Xi tfisser li tkun refuġjat?

Mid-diskursati li kelli ma’ bosta mir-refuġjati Sirjani, joħroġ ċar li din hija mistoqsija li qatt ma stennew li ħa jkollhom iwieġbu f’ħajjithom. Bħall-maġġoranza tagħna, sa ftit iktar minn sentejn ilu ma kellhomx idea xi tfisser li tħalli kollox warajk – darek, familtek, pajjiżek – biex tmur fejn qatt ma xtaqt li tkun. Tweġiba ċara, jekk qatt kien hemm bżonn waħda, lil dawk kollha li jsostnu li l-immigranti għandhom jintbagħtu lura qabel ikunu bilkemm niżlu fl-art fejn ifittxu refuġju.


(Film prodott minn Karl Schembri f’isem Oxfam International, fil-kamp ta’ refuġjati ta’ Za’atari, il-Ġordan, nhar l-20 ta’ Ġunju 2013, il-Jum Dinji tar-Refuġjati.)

#26 L-ebda bniedem mhu gżira (Meditazzjoni XVII) – John Donne

Pinelawn Memorial Park, Long Island, New York, 1965-67 (ritratt: shunammite.com)

Pinelawn Memorial Park, Long Island, New York, 1965-67 (ritratt: shunammite.com)


Meditazzjoni XVII

L-ebda bniedem mhu gżira,
sħiħ minnu nnifsu.
Kull wieħed biċċa mill-kontinent,
parti mill-art il-kbira.
Jekk roqgħa titkaxkar ‘il barra mill-baħar
l-Ewropa tonqos.
L-istess jekk irdum ittemprat.
L-istess jekk xi raba’ minn tiegħek
jew minn ta’ sieħbek.
Kull mewta umana ċċekkinni,
għax jiena sehmi fil-bniedem.
Allura, tibgħat ‘il ħadd isaqsi
għal min il-qanpiena ddoqq:
iddoqq għalik.

traduzzjoni ta’ Antoine Cassar